Saturday, May 31, 2008

Statuti OFS Nazzjonali Ta' Malta

STATUTI PARTIKULARI TAL-FRATERNITÀ NAZZJONALI TA’ MALTA
TA’ L-ORDNI FRANĠISKAN SEKULAR

Redazzjoni finali
korretta bis-suġġerimenti
tal-Ministru Ġeneral Emanuela De Nunzio OFS
u ta’ L-Assistant Ġenerali p. Valentin Redondo OFM Conv.,
riveduta mill-Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali,
bil-konsultazzjoni mal-Fraternitajiet Lokali,
u mressqa għall-approvazzjoni definittiva
u għall-konferma tal-Ministru Ġeneral
u tal-Kunsill tal-Presidenza OFS

PRO MANUSCRIPTO

Kunsill Nazzjonali OFS Malta 2000

STATUTI PARTIKULARI TAL-FRATERNITÀ NAZZJONALI TA’ MALTA TA’ L-ORDNI FRANĠISKAN SEKULAR


INTRODUZZJONI .

L-Ordni Franġiskan Sekular fil-gżejjer Maltin ilu jeżisti minn kemm ilhom preżenti l-aħwa ta’ l-Ewwel Ordni Franġiskan. Il-Fraternitajiet antiki tat-Terz’Ordni kienu twaqqfu fil­kunventi Franġiskani kollha u f’ħafna parroċċi tal-kleru djoċesan. Illum il-ġurnata, il­Fraternitajiet Lokali tal-Franġiskani Sekulari f’Malta, imwaqqfin mill-Ewwel Ordni, u li jgħixu skond ir-Regola ta’ Pawlu VI, huma dawn li ġejjin:

1. Fraternità ta’ S. Franġisk (Birkirkara)
2. Fraternità tas-Salib Imqaddes (Floriana)

- Fraternità ta’ S. Antnin ta’ Padova (Għajnsielem - Gozo) (Qed tiġi ffurmata)
3. Fraternità ta’ S. Franġisk (Ħamrun)
4. Fraternità ta’ S. Liberata (Kalkara)
5. Flaternità tat-Trinità Qaddisa (Marsa)
6. Fraternità tal-Verġni Marija Reġina (Marsa)

- Fraternità ta’ San Ġużepp (Msida) (Qed tiġi ffurmata)
7. Fraternità ta’ S. Antnin ta’ Padova (Paola)
- Fraternità ta’ S. Franġisk (Rabat)
8. Fraternità ta’ S. Marija ta’ Ġesù (Rabat)
9. Fraternità tal-Verġni Marija ta’ Lourdes (San Ġwann)

- Fraternità ta’ S. Franġisk (S. Pawl il-Baħar - Qawra - Burmarrad)
- Fraternità tal-Verġni Marija tal-Qalb ta’ Gesù (Sliema)
- Fraternità ta’ S. Franġisk (Valletta) (Qed tiġi ffurmata)
- Fraternità ta’ S. Marija ta’ Ġesù (Valletta) (Qed tiġi ffurmata)
- Fraternità ta’ S. Franġisk (Victoria - Gozo)
10. Fraternità tal-Verġni Marija tal-Grazzji (Victoria - Gozo)

IL-FRATERNITÀ NAZZJONALI TA’ MALTA

Artiklu 1. Kostituzzjoni tal-Fraternità Nazzjonali

1. Il-Fraternità Nazzjonali ta’ l-Ordni Franġiskan Sekular (OFS) ta’ Malta hi persuna ġuridika pubblika rikonoxxuta mill-Konferenza Episkopali ta’ Malta. L-istatus ċivili tagħha fir-Repubblika ta’ Malta hu dak ta’ assoċjazzjoni pubblika tal-Knisja Kattolika.

2. L-OFS ta’ Malta hu magħmul minn Fraternità Nazzjonali maqsuma fi Fraternitajiet Lokali (Kostituzzjonijiet Ġenerali OFS 1§5 = KK.ĠĠ. 1§5).

3. L-animazzjoni u t-tmexxija tal-Fraternità Nazzjonali hi l-kompetenza tal-Kunsill Nazzjonali flimkien mal-Ministru Nazzjonali, li jiġu eletti skond il-leġislazzjoni ta’ l-OFS.

4. Il-Fraternità Nazzjonali hi organizzata fi qbil mal-Liġi Kanonika, mar-Regola OFS, mal-Kostituzzjonijiet Ġenerali, ma’ l-Istatuti Ġenerali u Partikulari, u mar-Ritwal.

5. Il-Fraternità Nazzjonali ta’ Malta hi immexxija minn dawn l-Istatuti, li jiġu approvati u emendati matul il-Kapitlu Elettiv Nazzjonali (KK.ĠĠ. 65§3).

6. Il-Fraternità Nazzjonali għandha s-sede uffiċjali tagħha f’dan l-indirizz:
Ordni Franġiskan Sekular
Kunsill Nazzjonali
C/O Kunvent tal-Kapuċċini
Triq l-Isqof FX. Fenech
Floriana VLT 14 - Malta (KK.ĠĠ. 65§3).

7. Il-Fraternità Nazzjonali ta’ Malta tagħmel parti mill-grupp ta’ lingwa Ingliża ta’ l­OFS. Id-dokumentazzjoni uffiċjali tagħha tiġi ippubblikata bl-Ingliż u l-Malti.

Artiklu 2. Tmexxija tal-Fraternità Nazzjonali

Il-Fraternità Nazzjonali hi immexxija mill-Kunsill Nazzjonali u mill-Eżekuttiv Nazzjonali. Il-Kunsill Nazzjonali hu magħmul mill-Eżekuttiv Nazzjonali, mill-Ministri tal­Fraternitajiet Lokali, u mill-Konferenza ta’ l-Assistenti Nazzjonali. L-Eżekuttiv Nazzjonali hu magħmul mill-Ministru Nazzjonali, Viċi Ministru Nazzjonali, Segretarju Nazzjonali, Ekonomu Nazzjonali, Direttur tal-Formazjoni, Kunsillier Internazzjonali, tliet Kunsillieri eletti, u l-Konferenza ta’ l-Assistenti Nazzjonali.

Artiklu 3. II-Kunsill Nazzjonali

1. Il-Kunsill Nazzjonali għandu qawwiet leġislattivi, deliberattivi u elettivi fil-limiti tal-konfini nazzjonali tiegħu u fi qbil mar-Regola u l-Kostituzzjonijiet OFS.

2. Il-Kunsill Nazzjonali jiltaqa’ għall-elezzjonijiet darba kull tliet snin. Il-Ministru Nazzjonali jsejjaħ ukoll il-Kunsill Nazzjonali għal-laqgħa almenu darbtejn fis-sena, b’avviż li jingħata xahar qabel.

3. Il-Kunsill Nazzjonali għandu dawn id-dmirijiet:
a. Li jġib ‘il quddiem l-ispiritwalità ta’ l-OFS f’Malta;
b. Li jipprepara l-Kapitlu Nazzjonali Elettiv;
c. Li jeleġġi r-rappreżentant nazzjonali u d-delegat li jissostitwih fil-Kunsill Internazzjonali;
d. Li jiffissa budget annwali, li jinkludi l-kontribuzzjoni annwali lill-Kunsill Internazzjonali ta’ l-Ordni Franġiskan Sekular;
e. Li jiffissa l-ammont ta’ għajnuna finanzjarja li l-Fraternitajiet Lokali jikkontribwixxu lill-Kunsill Nazzjonali.

Artiklu 4. L-Eżekuttiv Nazzjonali

1. L-Eżekuttiv Nazzjonali jiġi elett matul il-Kapitlu Nazzjonali Elettiv. Il-membri kollha ta’ l-Eżekuttiv Nazzjonali għandhom dritt għall-vot.

2. Il-Ministru Nazzjonali jsejjaħ lill-Eżekuttiv Nazzjonali almenu sitt darbiet fis-sena, b’avviż li jingħata gimgħatejn qabel.

3. Id-dmirijiet ta’ l-Eżekuttiv Nazzjonali huma:
a. Li janima u jmexxi lill-OFS fuq livell nazzjonali.
b. Li jorganizza irtiri, laqgħat, seminars, ġranet ta’ studju, missjonijiet popolari, pubblikazzjonijiet u apostolat tal-medja, biex iġib ’il quddiem l-OFS f’Malta (KK.ĠĠ. 68§2).

Artiklu 5. Dmirijiet ta’ l-Uffiċjali ta’ l-Eżekuttiv Nazzjonali

1. Il-Ministru Nazzjonali:
a. Isejjaħ u jippresjiedi l-laqgħat tal-Kunsill Nazzjonali u ta’ l-Eżekuttiv Nazzjonali;
b. Jaġixxi bħala r-rappreżentant legali ta’ l-OFS quddiem l-awtoritajiet ċivili u ekkleżjastiċi;
c. Jagħmel il-Viżta Fraterna tal-Fraternitajiet Lokali personalment jew permezz ta’ delegat;
d. Jibgħat rapport annwali tal-ħidma mwettqa mill-Kunsill Nazzjonali lill­Presidenza tal-Kunsill Internazzjonali (CIOFS);
e. Jagħti relazzjoni dwar l-OFS kull meta jiġi msejjaħ biex jagħmel dan matul il­Kapitli Provinċjali tal-Familji ta’ l-Ewwel Ordni Franġiskan;
f. Jiffirma d-dokumenti uffiċjali kollha tal-Kunsill Nazzjonali u jiffirma flimkien ma’ l-Ekonomu l-kontijiet fil-banek li jkollha l-Fraternità Nazzjonali;
g. Jitlob il-Viżta Fraterna mill-CIOFS u l-Viżta Pastorali mill-Konferenza Ġenerali ta’ l-Assistenti OFS;
h. Jikkura r-relazzjonijiet bejn il-CIOFS u l-Fraternità Nazzjonali, permezz tal­Kunsillier Internazzjonali.

2. Il-Viċi Ministru Nazzjonali:
a. Jidhol flok il-Ministru Nazzjonali kull darba li jku impedit leġittimament;
b. F’każ ta’ uffiċċju vakanti tal-Ministru Nazzjonali, il-Viċi Ministru Nazzjonali jidhol floku skond dak li jingħad fil-KK.ĠĠ. 81 § 1.

3. Is-Segretarju Nazzjonali:
a. Iżomm fl-ordni d-dokumentazzjoni kollha relattiva għall-Kunsill Nazzjonali u għall-Eżekuttiv Nazzjonali;
b. Jikteb u jqassam il-minuti tal-laqgħat tal-Kunsill Nazzjonali u ta’ l-Eżekuttiv Nazzjonali;
c. Javża lill-membri kollha minn qabel dwar il-laqħat;
d. Jieħu ħsieb ta’ l-arkivji tal-Fratemità Nazzjonali;
e. Jifformula kronaka dwar il-ġrajjiet ewlenin tal-Fratemità Nazzjonali OFS f’Malta.

4. L-Ekonomu Nazzjonali:
a. Iżomm akkont tal-flus u proprjetà tal-Fratemità Nazzjonali u jagħti rendikont lill-Kunsill Nazzjonali u lill-Eżekuttiv Nazzjonali;
b. Jamministra l-fondi tal-Fraternità Nazzjonali, taħt it-tmexxija tal-Ministru Nazzjonali, li miegħu hu jiffirma l-kontijiet kollha fil-bank;
c. Iżomm fl-ordni l-kotba ta’ l-amministrazzjoni tal-Fraternità Nazzjonali;
d. Jagħti rapport finanzjarju annwali u l-budget għas-sena li tkun ġejja lill-CIOFS u lill-Kunsill Nazzjonali, jekk hemm bżonn, bl-għajnuna ta’ accountant kwalifikat.

5. Id-Direttur tal-Formazzjoni Inizjali u Permanenti:
a. Jikkoordina l-pjan ta’ Formazzjoni Inizjali u Permanenti fuq livell nazzjonali;
b. Jiġi megħjun minn équipe ta’ kollaboraturi għall-formazzjoni fuq livell nazzjonali, li jkun magħmul minn wiehed mill-Assisenti Nazzjonali flimkien ma’ żewġ Franġiskani Sekulari professi li jaħdmu bħala Animaturi u jkunu rċevew preparazzjoni xierqa fil-formazzjoni;
c. Jagħmel viżta annwali fil-Fratemitajiet Lokali kollha biex jivverifika l-pjan ta’ Formazzjoni Inizjali u Permanenti u l-fedeltà tal-Kunsill Lokali fl-applikazzjoni serja tal kriterji għad-dħul u l-professjoni tal-kandidati.

6. Il-Kunsillier Internazzjonali:
Il-kompetenzi tal-Kunsillier Internazzjonali jinsabu fl-Istatuti tal-Fratemità Internazzjonali OFS, Artikli 22 - 24.

Artiklu 6: Kontroll tal-Proprjetà tal-Fraternità Nazzjonali OFS ta’ Malta

Il-kotba ta’ l-amministrazzjoni u l-kontijiet tal-bank tal-Fraternitajiet Nazzjonali u Lokali jiġu miftuħin b’ordni tal-Ministru Nazzjonali jew tal-Kunsill Nazzjonali, kif ukoll matul il-Viżta Fraterna mir-rappreżentanti tal-CIOFS. Jekk il-Fraternità Nazzjonali ma tibqax teżisti, dak kollu li għandha rigward flus jew proprjetà jiġi amministrat mill­Presidenza tal-Kunsill Internazzjonali OFS f’Ruma. F’każ li ma tibqax teżisti Fraternità Lokali, dak kollu li għandha rigward flus jew proprjetà jaqa’ taħt l-amministrazzjoni tal­Kunsill Nazzjonali OFS ta’ Malta (“obveniunt personae iuridicae immediate superiori”, Codex Iuris Canonici, can. 123).

Artiklu 7: Quorum u Maġġoranza Assoluta waqt il-Proċeduri ta’ Votazzjoni

1. Il-Kunsill Nazzjonali u l-Eżekuttiv Nazzjonali ma jistgħux jiltaqgħu jekk ma jkunx hemm quorum preżenti. Il-quorum jikkonsisti fil-maġġoranza assoluta (wieħed fuq in-nofs) tan-numru tal-persuni li obbligati jidħlu għal-laqgħa.

2. Kull meta titressaq votazzjoni fil-Kapitlu Nazzjonali Elettiv, jew fil-Kunsill Nazzjonali jew fl-Eżekuttiv Nazzjonali, din trid iġġib maġġoranza assoluta biex torbot.

3. Il-votazzjoni normalment issir bil-wiri ta’ l-idejn. Votazzjoni sigrieta trid issir fil­każ ta’ elezzjonijiet, għad-dħul tal-kandidati, għall-professjoni, sospensjoni jew tkeċċija mill-Fraternità, jew kull meta xi membru jagħmel rikjesta espliċita.

Artiklu 8: Il-Kapitlu Elettiv tal-Fraternità Nazzjonali

1. Il-Kapitlu Nazzjonali Elettiv għandu jissejjaħ kull tliet snin, skond in-normi miktuba fil-KK.ĠĠ. 76-80. Il-membri “ex-officio” tal-Kapitlu huma dawk fil-Kunsill Nazzjonali, u t-tliet Assistenti Nazzjonali. Jintagħżel delegat minn kull Fraternità Lokali li jkollha sa 49 membru profess, u ieħor minn kull Fraternità Lokali li jkollha ’l fuq minn 50 membru profess. Kemm-il darba l-Ministru tal-Fraternità jkun jokkupa wkoll uffiċċju fl-Eżekuttiv Nazzjonali, jintagħżel delegat floku minn dik il-Fraternità. ld-delegati ma jidħlux fil­Kapitlu bħala rappreżentanti tal-Fraternitajiet Lokali, imma bħala delegati ta’ l-OFS f’Malta. Il-Franġiskani Sekulari kollha li jixtiequ, jistgħu jidħlu fil-post fejn jiġi iċċelebrat il-Kapitlu bħala osservaturi, mingħajr ma jindaħlu fil-proċeduri tal-Kapitlu (KK.ĠĠ. 77§2).

2. Il-Kunsill Nazzjonali jikkomunika d-data tal-Kapitlu Nazzjonali Elettiv lill-Ministru Ġeneral u lill-CIOFS sitt xhur qabel iċ-ċelebrazzjoni tiegħu, u jitlob President u Assistent xhud għall-elezzjonijiet.

3. Il-konvokazzjoni uffiċjali tal-Kapitlu Nazzjonali Elettiv trid tintbagħat lill­Franġiskani Sekulari kollha tliet xhur qabel. Id-dokument, iffirmat mill-Ministru Nazzjonali, jrid jindika l-post, id-data, il-ħin u l-aġenda tal-Kapitlu Nazzjonali Elettiv. Immedjatament wara għandha ssir l-għażla għad-delegati li jidħlu fil-Kapitlu.

4. Xahar qabel il-Kapitlu Nazzjonali Elettiv, tiġi ifformulata lista ta’ nominazzjonijiet mill-Kunsill Nazzjonali, u tintbagħat lid-delegati għall-Kapitlu. Tiġi ippreżentata skeda personali għal kull nomina. Persuna ma tistax tkun nominata għal aktar minn żewġ uffiċċji. Il-votanti fil-Kapitlu jibqgħu ħielsa li jivvutaw għal kull membru profess fl-Ordni Franġiskan Sekular.

5. Il-Kapitlu Nazzjonali Elettiv ma għandux jiġi limitat għall-elezzjonijiet. Hu opportunità unika għat-tiġdid ta’ l-OFS. Il-Ministru Nazzjonali jippreżenta relazzjoni dettaljata lill-Kapitlu. L-aġenda li tiġi ippreżentata qabel il-Kapitlu għandha tiġi segwita biex tiżgura effiċjenza u ordni. għandu jinħatar Moderatur għal kull sessjoni plenarja tal­Kapitlu, u dan għandu jiġi mħejji biex imexxi d-diskussjonijiet fil-Kapitlu. Il-ħatra ta’ Segretarju għall-Kapitlu u ta’ żewġ Skrutaturi għall-elezzjonijiet issir skond dak li jingħad fil-KK.ĠĠ. 76§4.

6. Il-minuti kollha, id-dokumentazzjoni rigward l-elezzjonijiet, u materjal dokumentarju ieħor tal-Kapitlu Nazzjonali Elettiv għandhom isiru f’verżjoni bl-Ingliż u oħra bil-Malti, li iffirmati mill-President, Assistent xhud, u Segretarju. Il-verżjoni bl-Ingliż tintbagħat lill-CIOFS f’Ruma, u kopja tagħha flimkien mal-verżjoni bil-Malti tinżamm fl­arkivji tal-Kunsill Nazzjonali.

7. Matul il-Kapitlu Nazzjonali Elettiv il-membri ta’ l-Eżekuttiv Nazzjonali li jispiċċa li ta’ dak li jidħol floku, wara l-elezzjonijiet, huma membri bi dritt tal-vot sa tmiem il-Kapitlu.

8. Iċ-ċelebrazzjonijiet matul il-Kapitlu għandhom isiru skond dak li hu preskritt fir­Ritwal.

9. Sitt xhur wara l-Kapitlu, il-Kunsill Nazzjonali ġdid jitlob lill-Ministru Ġeneral biex jagħmel il- Viżta Fraterna, u lill-Konferenza ta’ l-Assistenti Ġenerali biex tibgħat id-delegat tagħha biex jagħmel il- Viżta Pastorali.

***************************
IL-FRATERNITÀ LOKALI

Artiklu 9:

1. It-twaqqif kanoniku ta’ Fraternitajiet Lokali ġodda jsir skond ma jiġi preskritt fil-Kostituzzjonijiet Ġenerali, artikli 46-48.

2. Jekk xi Fraternità Lokali, għal raġunijiet validi, trid tgħaddi għall-assistenza pastorali ta’ familja religjuża oħra ta’ l-I Ordni Franġiskan, għandha tagħmel talba uffiċjali lill-Eżekuttiv Nazzjonali. Il-Ministru Nazzjonali imbagħad jikkuntattja lis-Superjuri Maġġuri rispettivi. Il-permess li Fraternità tgħaddi għall-kura pastorali ta’ ubbidjenza religjuża Franġiskana oħra torbot lill-Fraternità Lokali li ma titlobx trasferiment ieħor għal perjodu ta’ almenu sitt snin (KK.ĠĠ. 47§2).

3. Il-Kunsill tal-Fraternità Lokali hu magħmul skond dak li jingħad fil-Kostituzzjonijiet Ġenerali, Artiklu 49§2. L-uffiċjali eletti huma l-Ministru, Viċi Ministru, Segretarju u Ekonomu. Jistgħu jiġu eletti mhux aktar minn tliet kunsillieri, li jkollhom dmirijiet partikulari, u skond in-numru ta’ Franġiskani Sekulari professi fil-Fraternità. Wieħed minnhom hu responsabbli għall-Formazzjoni Inizjali u Permanenti. L-elezzjonijiet kanoniċi għandhom isiru skond ma jingħad fil-Kostituzzjonijiet Ġenerali, artikli 76-80. L-Eżekuttiv Nazzjonali jaħtar il-President u l-Assistent xhud tal-Kapitli elettivi tal-Fraternità Lokali.

4. Id-dmirijiet tal-Ministru u l-Kunsill huma indikati fil-KK.ĠĠ. 50-52. Il-fraternità Lokali trid iżżomm arkivju li fih jitqiegħed f’ordni l-materjal ta’ dokumentazzjoni. Is­Segretarju, jew xi membru ieħor tal-Fraternità, jikteb il-kronaka, u fiha jniżżel il-ġrajjiet ewlenin tal-Fraternità. L-Ekonomu, flimkien mal-Ministru, jamministra l-flus tal-Fratemità u jippreżenta rapport annwali kif ukoll budget. Il-kontijiet tal-bank għandhom jiġu iffirmati mill-Ministru u mill-Ekonomu bħala prokuraturi “pro tempore”.

5. It-trasferiment għal Fraternità oħra, il-ħruġ, is-sospensjoni jew it-tkeċċija mill­Fraternità, jridu jsiru eżattament kif jiġi preskritt fil-KK.ĠĠ. 55-60.

6. Meta tinqala’ xi ħtieġa partikulari, xi sezzjoni mill-Fraternità Lokali li jkollha interessi komuni tista’ tikkostitwixxi grupp distint fi ħdan l-istess Fraternità, u torganizza laqgħat għaliha, bid-dmir li tibqa’ tieħu sehem b’mod sħiħ fil-laqgħat l-oħra kollha tal-Fraternità. Dawn il-gruppi jistgħu jkunu iffurmati għal membri aktar żgħażagħ jew ġodda, jew għal koppji miżżewġin fil-Fraternità (KK.ĠĠ. 34).

7. Membri tal- Kleru Djoċesan huma milqugħin li jissieħbu fil-Fraternitajiet Lokali, bil­kundizzjoni li jridu jieħdu sehem f’kors ta’ formazzjoni Franġiskana, ikunu motivati minn spirtu ġenwinament Franġiskan u jagħmlu l-mixja kollha ta’ formazzjoni inizjali. Huma għandhom id-dmir li jingħaqdu mal-Fraternità Lokali fil-laqgħat kollha tagħha, u jamministraw il-ħtiġijiet pastorali tal-membri tagħha, mingħajr konflitt ta’ interessi mal­ministeru ta’ l-Assistent (KK.ĠĠ. 35).

***************************
IL-FRATERNITÀ LOKALI:
SPIRTU TA’ TALB U DEVOZZJONI

Artiklu 10. Irtiri

Il-Fraternità Lokali torganizza irtir darbtejn fis-sena. Tista’ tingħaqad ma’ Fraternitajiet oħrajn għall-irtiri. L-irtir isir esperjenza ta’ Fraternità li tagħti widen għall­Kelma ta’ Alla u titlob flimkien. L-irtir ma għandux jieħu sura ta’ laqgħa ordinarja tal­Fraternità. Hu irrikmandat li jiġi iddedikat almenu jum sħiħ għall-irtir. Forom ġodda ta’ irtiri għal gruppi iżgħar fi ħdan il-Fraternità tajjeb li jsiru, bħalma huma “directed” u “guided retreats”, kapitli ta’ tiġdid, u esperjenzi tar-regola Franġiskana għall-eremitaġġi (KK.ĠĠ. 13§1).

Artiklu 11. L-Ewkaristija

Il-Fraternità Lokali tgħix fi spirtu ta’ għaqda meta taqsam flimkien il-Kelma ta’ Alla u l-Ħobż tal-ħajja fiċ-ċelebrazzjoni ta’ l-Ewkaristija. Darba fix-xahar il-Fraternità Lokali tiltaqa’ għaċ-ċelebrazzjoni komuni ta’ l-Ewkaristija, “iċ-ċentru tal-hajja tal-Fraternità” (KK.ĠĠ. 14§2; 53§2).

Artiklu 12: Dimensjoni Penitenzjali

Id-dimensjoni penitenzjali tal-ħajja Franġiskana Sekulari tidher l-aħjar fiċ­ċelebrazzjoni tas-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni fil-kuntest ta’ ċelebrazzjoni penitenzjali. Il-Fraternità Lokali hi mħeġġa li torganizza dawn iċ-ċelebrazzjonijiet l-aktar matul l-irtiri fl-Avvent u fir-Randan (KK.ĠĠ. 13§1).

Artiklu 13: Ministeru Liturġiku

Il-Fraternità Lokali trid tħarreġ lill-membri tagħha biex jieħdu sehem attiv fl­animazzjoni liturġika waqt ċelebrazzjonijiet fil-kuntest tal-komunità lokali li tiltaqa’ fil­knejjes Franġiskani jew parrokkjali li magħhom hi marbuta l-Fraternità. Il-Franġiskani Sekulari huma mħeġġin jieħdu taħriġ professjonali biex isiru letturi, katekisti u ministri straordinarji ta’ l-Ewkaristija (KK.ĠĠ. 14§3).

Artiklu 14: Liturġija tas-Sigħat

L-għaqda bejn il-Fraternità Lokali u l-aħwa ta’ l-I Ordni tidher l-aktar meta s­Sekulari jiġu fraternament milqugħin biex jieħdu sehem fiċ-ċelebrazzjoni komuni tal­Liturġija tas-Sigħat, bħala membri attivi tal-poplu ta’ Alla. Il-Liturġija tas-Sigħat għandha tingħata l-ewwel post waqt il-laqgħat tal-Fraternità. Għall-membri aktar anzjani u morda tal-Fraternità Lokali li jsibuha diffiċli jitolbu l-Liturġija tas-Sigħat, l-Uffiċċju tat-tnax-il Missierna jista’ jibqa’ jintuża bħala forma utli ta’ talb (KK.ĠĠ. 14§3).

Artiklu 15: Devozzjonijiet :Franġiskani

Il-Fraternità Lokali trid tkun taf liema huma l-forom Franġiskani ta’ talb popolari u tħeġġiġhom, mingħajr ma taqa’ f’devozzjonalizmu li m’għadux jappella għall-insara kontemporanji. Id-devozzjoni lejn il-Passjoni ta’ Kristu (il-Via Crucis) u d-devozzjoni lejn il-Verġni Marija (Kuruna Franġiskana) (KK.ĠĠ. 16), l-adorazzjoni ewkaristika u ċ­ċelebrazzjonijiet komuni tal-Kelma ta’ Alla, b’taħriġ fil-meditazzjoni personali jew “lectio divina”, jistgħu jkunu ta’ għajnuna kbira biex jiġu iċċelebrati l-misteri kbar tal-fidi tagħna (KK.ĠĠ. 9; 14§5).

Artiklu 16: Talb għall-Aħwa Mejtin

Il-Fraternità Lokali għandha d-dmir li titlob għall-aħwa li laqgħu lil “oħtna l-mewt tal-ġisem” fi spirtu Franġiskan. Il-Franġiskani Sekulari għandhom jiġu avżati mill-Ministru tagħhom u jieħdu sehem fl-Ewkaristija tal-funerali ta’ ħuthom, kif ukoll ta’ l-Assistenti u s­Superjuri Maġġuri ta’ l-I Ordni Franġiskan. Għandhom ukoll jiċċelebraw il-Liturġija tas­Sigħat jew xi forom oħrajn ta’ talb. Matul ix-xahar ta’ Novembru l-Fraternità għandha titlob b’mod speċjali għall-membri tagħha mejtin.

***************************
IL-FRATERNITÀ LOKALI:
MISSJONI TA’ EVANĠELIZZAZZJONI FIL-KNISJA
U FID-DINJA

Artiklu 17. Għamliet ta’ Apostolat

1. Il-Fraternità Lokali hi l-ambjent fejn il-Franġiskani Sekulari jiġu evanġelizzati u minn fejn huma jevanġelizzaw. Is-Sekulari huma evanġelizzati fl-ispirtu tal-bejatitudni billi jagħtu widen għall-Kelma ta’ Alla, u b’qari intelliġenti tas-sinjali taż-żminijiet preżenti fil­Knisja u fis-soċjetà.

2. Il-missjoni ta’ evanġelizzazzjoni tal-Fraternità tista’ tinfirex f’diversi oqsma ta’ apostolat: gruppi ta’ familji, gruppi ta’ katekeżi u talb, ħidma soċjali fost l-anzjani, persuni p’diżabilità jew morda, impenn favur il-paċi, ġustizzja u l-integrità tal-ħolqien (KK.ĠĠ. 18).

3. Kull Fraternità tista’ tħabrek biex tispeċjalizza f’xi tip ta’ apostolat li jaqbel mal­ħtiġijiet ta’ l-ambjent lokali li fih taħdem. Dak li jgħodd mhuwiex x’kapaċi tagħmel il­Fraternità, imma l-ispirtu Franġiskan ta’ minorità li għandu jimla l-ħidma apostolika tagħha (KK.ĠĠ. 19).

Artiklu 18. Inseriti fis-Soċjetà

Il-Franġiskani Sekulari li għandhom responsabiltajiet soċjali jew politiċi għandhom jagħrfu l-importanza tal-missjoni evangelizzatriċi tagħhom fis-soċjetà. Fil-fatt, dawk il­Franġiskani Sekulari kwalifikati huma mħeġġin jieħdu parti attiva fil-qasam soċjali, f’oqsma bħalma huma l-kultura, l-edukazzjoni, unions tal-ħaddiema u l-kunsilli lokali tal-bliet u rħula (KK.ĠĠ. 20-22).

Artiklu 19. Mistrieħ u Rikrejazzjoni

Il-Fraternità lokali għandha tipprovdi mezzi għar-rikrejazzjoni tal-membri tagħha, b’mod li jħossuhom ferħanin li jkunu flimkien f’mumenti ta’ mistrieħ. Xi laqgħat tal-Fraternità għandhom jigu diretti lejn dan l-iskop (KK.ĠĠ. 2l§2).

Artiklu 20. Non-vjolenza

Il-Franġiskani Sekulari għandhom jagħtu xhieda li huma persuni li jħobbu l-paċi. Huma għandhom jibqgħu fidili mat-tradizzjoni tagħhom li jiċħdu għal kull għamla ta’ vjolenza, u li ma jġorrux armi. Il-Kunsill tal-Fraternità għandu jfakkar lill-aħwa kollha dwar id-qmir li jagħmlu testment fi żmien tajjeb, mingħajr ma jindaħal fil-mod kif huma jiddisponu minn ġidhom (KK.ĠĠ. 23).

Artiklu 21. Il-Koppji Miżżewġin

Il-koppji miżżewġin huma don uniku għall-Fraternità. L-esperjenza tagħhom tal­ħajja miżżewga fi Kristu tinqasam mal-Fraternità. Huma “joħolqu kundizzjonijiet tajba għal djalogu bejn ġenerazzjoni u oħra”, b’tali mod li jipprovdu l-mezzi biex iżommu kuntatt u janimaw il-moviment taż-Żgħażagħ Franġiskani. F’kull Fraternità, il-koppji miżżewġin jistgħu wkoll jiltaqgħu flimkien bħala gruppi distinti minħabba l-formazzjoni nisranija tagħhom fl-istat ta’ miżżewġin, imħares dak li jgħid l-Art. 9§6. Hu d-dmir tal-membri miżżewġin tal-Fraternità li jorganizzaw il-moviment tat-Tfal Franġiskani skond l­indikazzjonijiet mogħtija mill-gvern ġenerali ta’ l-Ordni (KK.ĠĠ. 24-25).

Artiklu 22. Aħwa Anzjani u Morda

Il-Fraternità Lokali għandha d-dmir li tiddelega xi wħud mill-membri tagħha biex regolarment iżuru u jieħdu kura partikulari tal-membri anzjani u morda li jinsabu fi djarhom jew fi djar għall-anzjani, kif ukoll li jwasslulhom l-aħbarijiet dwar il-laqgħat tal-Fraternità. Dawn il-membri għandhom id-dritt li jigu ipprovduti bl-għajnuna morali u materjali li għandhom bżonn mill-membri l-oħrajn tal-Fraternità, filwaqt li joffru t-tbatijiet tagħhom bħala s-sehem tagħhom fil-missjoni evanġelizzatriċi ta’ l-aħwa (KK.ĠĠ. 26-27).

***************************
IL-FRATERNITÀ LOKALI:
IL-FORMAZZJONI

Artiklu 23. Pjan ta’ Formazzjoni

L-Eżekuttiv Nazzjonali għandu d-dmir li jipprovdi pjan ta’ formazzjoni lill­Fraternitajiet Lokali kollha. Dan għandu jsir fi qbil mal-pjan ta’ formazzjoni ta’ l-OFS, u jinbena fuq id-dimensjonijiet umani, insara u Franġiskani (KK. ĠĠ. 37).

Artiklu 24. Promozzjoni Vokazzjonali

Il-Fraternità Lokali, jekk trid tibni l-futur tagħha, trid tieħu b’serjetà kbira l-ħidma li ssib vokazzjonijiet għall-OFS. Din ir-responsabiltà taqa’ speċjalment fuq il-Ministru u d­Direttur tal-Formazzjoni, li jifformulaw kriterji għal dixxerniment vokazzjonali, filwaqt li jieħdu kura partikulari għall-maturità, moħħ miftuħ u entużjażmu tal-kandidat biex jaħdem flimkien ma’ ħaddieħor (KK.ĠĠ. 38§1; 45).

Artklu 25. L-ewwel kuntatt ma’ l-OFS

1. Il-perjodu ta’ l-ewwel kuntatt ma’ l-OFS idum ta’ l-inqas sitt xhur. Jista’ jibda b’ċerimonja sempliċi ta’ laqgħa fi ħdan il-Fraternità. Matul dan il-perjodu l-kandidat jidħol f’kuntatt mal-Fraternità li tilqgħu, jiġi mistieden għal-laqgħa ta’ kull xahar, u jivverifika l­vokazzjoni bl-għajnuna tad-Direttur tal-Formazzjoni (KK.ĠĠ. 38§2).

2. Id-deċiżjoni li jiġu milqugħin membri ġodda fil-Fraternità taqa’ fuq il-Kunsill tal­Fraternità Lokali flimkien mal-Ministru. L-opinjoni tad-Direttur tal-Formazzjoni trid tingħata importanza meta wieħed idaħħal membri ġodda (KK.ĠĠ. 38§3).

Arfiklu. 26. Rekwiżiti għad-Dħul

1. Jekk kandidat jitlob li jidħol fi Fraternità Lokali għandu jkollu almenu 18-il sena, u jrid jagħti t-talba tiegħu bil-miktub lill-Ministru responsabbli għal dik il-Fraternità. Ir­rekwiżiti għad-Dħul li huma deskritti fil-KK.ĠĠ. 39 għandhom jiġu mħarsa b’attenzjoni kbira.

2. Hu importanti li persuna li titlob li tidħol fl-OFS tirċievi għarfien bażiku tal-kariżma Franġiskan. Il-Kors ta’ Studji Franġiskani hu speċifikament ippjanat biex jaqdi dan l-iskop. Il-Ministru u l-Kunsill tal-Fraternità Lokali jridu jiżguraw ruħhom li ma jaċċettawx membri ġodda li ma rċevewx preparazzjoni bażika fil-kariżma Franġiskan almenu għal sitt xhur qabel id-dħul tagħhom fil-Fraternità.

Artiklu 27. Formazzjoni qabel il-Professjoni

1. Ir-rit tad-dħul jiġi ċċelebrat skond ir-Ritwal. Il-perjodu ta’ formazzjoni tal-bidu jdum għal sentejn, b’tali mod li jiżgura tweġiba matura għall-vokazzjoni qabel ma ssir il professjoni (KK.ĠĠ. 40§ 1).

2. Il-perjodu ta’ formazzjoni tal-bidu għandu l-iskop li jifforma lill-Franġiskani Sekulari fl-Iskrittura Mqaddsa, fil-kitbiet u l-ispiritwalità ta’ San Franġisk, u l-aktar fl­istudju tar-Regola u l-Kostituzzjonijiet, kif ukoll fl-istorja ta’ l-OFS u fil-missjoni ta’ evangelizzazzjoni tiegħu fid-dinja llum (KK.ĠĠ. 40§2).

3. Matul il-perjodu ta’ formazzjoni tal-bidu s-Sekulari huma mistiedna għal-laqgħa u l­Ewkaristija tal-Fraternità, kif ukoll għall-irtiri. Ruma obbligati ukoll biex isegwu l-laqgħat regolari mad-Direttur tal-Formazzjoni. Jekk in-numru ta’ persuni fil-formazzjoni inizjali mhuwiex għoli, diversi Fraternitajiet Lokali jistgħu jorganizzaw laqgħat formattivi flimkien. Għandhom ukoll jiehdu parti attiva fil-missjoni ta’ evangelizzazzjoni tal­Fraternità. (KK.ĠĠ. 40§3).

Artiklu 28. Il-Professjoni

1. L-ammissjoni għall-Professjoni wara l-formazzjoni tal-bidu ssir skond ma hu mitlub fil-KK.ĠĠ. 41. Il-kandidat għall-professjoni jippreżenta talba bil-miktub lill-Ministru Lokali. Il-Kunsill tal-Fraternità flimkien mal-Ministru jiddeċiedu dwar li jaċċettaw kandidat għall-professjoni permezz ta’ vot sigriet. L-età minima għall-professjoni fil­Fraternitajiet Lokali hi ta’ 23 sena, imħares dak li jgħid il-paragrafu 4 ta’ din it-taqsima.

2. Is-sinjal distintiv ta’ sħubija fl-Ordni hu t-TAU Franġiskan. Hu projbit f’kull żmien li wieħed juża sinjali distintivi oħrajn, bħalma huma l-iskapular, kurdun jew saħansitra l­libsa Franġiskana għax dawn huma sinjali tal-ħajja ikkonsagrata u mhux tas-sekulari (KK.ĠĠ. 4l§2; 43).

3. L-Ordni Franġiskan Sekular f’Malta jilqa’ b’mod sħiħ l-implikazzjonijiet tejoloġiċi tal-kelma “Professjoni”, filwaqt li jifimhom kif inhuma applikati għall-istat sekulari li fih il­Franġiskani Sekulari jwiegħdu li jgħixu l-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu fl-ispirtu tal-bejatitudni (KK.ĠĠ. 15§1).

4. Il-kandidati li jidħlu qabel ikollhom 21 sena jagħmlu l-Professjoni temporanja tar­Regola OFS fuq bażi annwali għal perjodu ta’ tliet snin, kull darba wara li jingħata l­gudizzju pożittiv tal-Kunsill tal-Fraternità. Fit-tielet sena tal-Professjoni temporanja, jew malli l-kandidat ikollu 23 sena, hu jagħmel il-Professjoni definittiva (KK.ĠĠ. 42§2).

5. Il-Professjoni hi att pubbliku li jorbot lill-kandidat mal-Fraternità. Dan l-att jitlob mill-kandidat l-għarfien dwar ir-responsabiltà tiegħu lejn l-għaqda sħiħa tal-Fraternitajiet OFS fid-dinja kollha. B’mod konkret dan jitlob minnu preżenza personali, xhieda fit-talb u fil-kollaborazzjoni attiva skond il-possibilità ta’ kull wieħed fl-animazzjoni tal-Fraternità proprja, u l-kontribut materjali lejn l-attivitajiet tal-Fraternità OFS fil-livelli kollha tagħha (KK.ĠĠ. 30).

Artiklu 29. Formazzjoni Permanenti

Il-formazzjoni permanenti tal-Franġiskani Sekulari hi wkoll responsabiltà serja tal­Kunsill tal-Fraternità Lokali. Hu essenzjali li kull Fraternità Lokali jkollha librerija ta’ riferenza bażika ta’ kotba Franġiskani u dokumenti reċenti tal-Knisja u tal-moviment Franġiskan in ġenerali. L-Eżekuttiv Nazzjonali irid jieħu Hsieb jorganizza seminars, ġranet ta’ studju, jew korsijiet għall-Franġiskani Sekulari kollha. Jieħu ħsieb ukoll jippubblika gazzetta ta’ aħbarijiet dwar l-OFS u jqassamha lill-Fraternitajiet kollha, biex hekk joħloq spirtu ta’ għaqda bejniethom. L-aċċess għall-“SFO web-site” fuq l-Internet u għal CIOFS­List hu għajnuna kbira għall-formazzjoni kontinwa tal-Fraternitajiet Franġiskani Sekulari.

***************************
ASSISTENZA SPIRITWALI

Artiklu 30

1. L-Unjoni tal-Ministri Provinċjali ta’ l-I Ordni Franġiskan f’Malta (OFM, OFM Conv, OFM Cap) hi inkarigata mill-”altius moderamen” rigward il-fedeltà ta’ l-OFS lejn il-kariżma Franġiskan (Codex Iuris Canonici, can. 303). Hi kompetenza tagħhom li jwaqqfu Fraternitajiet ġodda fejn hemm kunventi Franġiskani, li jagħmlu l-Viżta Pastorali u li jipprovdu Assistenti “xierqa u mħejjija tajjeb” lill-Fraternitajiet (KK.ĠĠ. 85-86,88).

2. Il-Kunsill tal-Fraternità Lokali jitlob Assistent Spiritwali, li għandu jkun religjuż Franġiskan minn dik il-Familja ta’ l-I Ordni li tassumi responsabiltà għall-assistenza ta’ dik il-Fraternità partikulari. Is-Superjur Maġġuri jintalab li jqis it-talba tal-Kunsill tal-Fraternità Lokali, li jindika ismijiet ta’ aħwa li huma meqjusin li jkunu Assistenti Spiritwali kompetenti (KK.ĠĠ. 89§2; 9l§1 u Statuti għall-Assistenza Pastorali OFS 7§1 [minn issa ’l quddiem SPA]).

3. L-Assistenti Nazzjonali jinħatru mis-Superjuri Magguri rispettivi tagħhom, wara li dawn ikunu semgħu l-Eżekuttiv Nazzjonali. L-Assistenti Nazzjonali ta’ Malta jikkostitwixxu Konferenza ta’ Assistenti Nazzjonali OFS, magħmula minn tliet aħwa, wieħed minn kull familja Franġiskana ta’ l-I Ordni preżenti f’Malta, li wieħed minnhom ikun president u l-ieħor segretarju fuq bażi ta’ rotazzjoni kull tliet snin (KK.ĠĠ. 90§3; SPA 27; 40).

4. Id-dmirijiet ta’ l-Assistent Spiritwali huma:
a. Li jġib ‘il quddiem il-għaqda mal-Knisja;
b. Li jagħti xhieda ta’ l-għaqda li teżisti bejn l-OFS u l-aħwa Franġiskani;
c. Li jikkopera fil-formazzjoni inizjali u kontinwa ta’ l-aħwa fl-OFS;
d. Li jagħti servizz pastorali, liturġiku u sagramentali lill-Fraternità (SPA 3).

5. Dawk il-Fraternitajiet li huma mwaqqfin fil-knejjes u djar Franġiskani għandhom jaħdmu biex iżommu spirtu ta’ għaqda u kollaborazzjoni mal-patrijiet. Il-gwardjani u l­fraternitajiet ta’ l-aħwa għandhom jiftakru dwar l-importanza tal-Fraternità Franġiskana Sekulari bħala parti essenzjali mill-Familja Franġiskana, bi drittijiet u dmirijiet rikonoxxuti (KK.ĠĠ. 90§5).

6. F’każi li fihom ma jkunx hemm Assistenti Spiritwali kompetenti għall-Fraternitajiet kollha, jew meta Assistent wieħed irid ilaħħaq ma’ diversi Fraternitajiet, il-Kunsill tal­Fraternità Lokali jista’ jiġi assistit minn Animatur. Biex wieħed isir Animatur, wieħed irid ikun Franġiskan Sekular profess għal perjodu ta’ almenu ħames snin, jew ukoll reliġjuża minn xi waħda mill-Kongregazzjonijiet Femmili Franġiskani preżenti f’Malta, u jirċievi taħriġ espert permezz ta’ korsijiet li huma speċifikament mogħtija għal dan il-għan. L­Animaturi jiġu indikati mill-Eżekuttiv Nazzjonali u jinħatru mis-Superjur Maġġuri kompetenti ta’ l-I Ordni. Huma jiffurmaw parti mill-Kunsill tal-Fraternità Lokali bi dritt ta’ vot. (KK.ĠĠ. 9l§3; SPA 8).

***************************
VIŻTA FRATERNA U VIŻTA PASTORALI

Artiklu 31

1. Il-Ministru Nazzjonali, bl-approvazzjoni tal-Kunsill Nazzjonali, jitlob il-Viżta Fraterna mill-Ministru Ġeneral jew delegat darba kull tliet snin. Il-Ministru, Nazzjonali, jew il-persuna delegata, jagħmel il- Viżta Fraterna darba kull sena u nofs lill-Fraternitajiet Lokali kollha. Programm tal-Viżta Fraterna għandu jintbagħat lill-Fraternitajiet kollha. Il­Viżitatur ma jistax ikun membru tal-Fratemità li se jżur (KK. ĠĠ. 93).

2. Il-Ministru Nazzjonali, bl-approvazzjoni tal-Kunsill Nazzjonali, jitlob il-Viżta Pastorali tal-Fraternità Nazzjonali darba kull tliet snin mill-Konferenza ta’ l-Assistenti Ġenerali. Jitlob ukoll mill-Unjoni tal-Ministri Provinċjali ta’ l-I Ordni Franġiskan l-Viżta Pastorali lill-Fraternitajiet Lokali (KK.ĠĠ. 94).

3. Fil-Viżti Fraterni lill-Fraternitajiet Lokali jew lill-Fraternità Nazzjonali, il-Viżitatur irid jingħata r-reġistri u l-atti tal-Kunsilli rispettivi biex jeżaminahom. Dawn iridu jinkludu d-dokumentazzjoni relattiva għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli, il-minuti tal-laqgħat tal­Fraternità u l-Kunsill, il-pjan tal- formazzjoni, u l-amministrazzjoni finanzjarja tal­Fraternità. Il-Viżitatur imbagħad jikteb relazzjoni dwar il-Viżta tiegħu.

4. Fil-Viżti Pastorali lill-Fraternitajiet Lokali jew lill-Fraternità Nazzjonali, il-Viżitatur għandu jeżamina r-reġistri ta’ ammissjonijiet u professjonijiet, il-ħajja tat-talb tal-Fraternità u l-mod kif l-Assistent Spiritwali jew Animatur qed jaqdi dmiru.

5. Fil-każ tal-Viżti Fraterni u Pastorali lill-Fraternitajiet Lokali, tista’ ssir laqgħa bejn il-Viżitatur u l-Gwardjan tad-dar Franġiskana li magħha hi annessa l-Fraternità. Fil-każ tal­Viżti Fraterni u Pastorali lill-Fraternità Nazzjonali, tista’ ssir laqgħa bejn il-viżitatur u l­Ministri Ptovinċjali tal-Familji Franġiskani ta’ l-I Ordni.

6. Kull meta membru tal-CIOFS jagħmel Viżta Fraterna, il-Kunsll Nazzjonali għandu joffri li jħallas l-ispejjeż kollha relattivi għall-vjaġġ bl-ajru u spejjeż oħrajn ta’ vjaġġi, kif ukoll jaħseb għall-”full board lodging” tal-Viżitatur. Kull meta Assistent Ġenerali jagħmel Viżta Pastorali, l-ispejjeż kollha relattivi għall-vjaġġi u l-permanenza tiegħu jitħallsu mill­Provinċja tal-Familja Franġiskana ta’ l-I Ordni li tagħha ikun membru l-Viżitatur.

***************************
RELAZZJONI MAŻ-ŻGĦAŻAGĦ FRANĠISKANI

Artikiu 32

1. Iż-Żgħażagħ Franġiskani (GIFRA) huma awtonomi mill-Ordni Franġiskan Sekular. Fl-istess ħin, iżda, huma jaqsmu l-istess ispirazzjoni komuni Franġiskana. Għal din ir-raġuni għandhom jinżammu relazzjonijiet tajbin bejn l-OFS u l-GIFRA (KK.ĠĠ. 96-97).

2. Il-Fraternitajiet Nazzjonali u Lokali għandhom iħeġġu inizjattivi komuni maż­Żgħazagħ Franġiskani, filwaqt li jirrispettaw il-karattru awtonomu tal-GIFRA. Huma għandhom jieħdu sehem kull meta ż-Żgħażagħ Franġiskani jagħmlu l-wegħda tagħhom. Hu irrikmandat li l-Fratemità taħtar xi membri aktar żgħażagħ fl-età biex iżommu kuntatt mal­GIFRA u jorganizzaw laqgħat li fihom iż-Żgħażagħ Franġiskani jesprimu l-identità Franġiskana komuni b’modi li jappellaw għalihom. Delegat Franġiskan Sekular jinħatar biex jagħmel parti mill-Kunsill Nazzjonali GIFRA. Jixraq li jiġi elett delegat GIFRA profess fl-OFS biex jagħmel parti mill-Kunsill Nazzjonali OFS.

***************************
KOMUNJONI MAL-FAMILJA FRANĠISKANA
U MAL-KNISJA

Artiklu 33

1. Il-Franġiskani Sekulari għandhom jaħdmu biex juru spirtu ġenwin ta’ għaqda bejniethom u mal-Familja Franġiskana, billi jieħdu sehem fiċ-ċelebrazzjonijiet komuni mal­patrijiet ta’ l-I Ordni, mas-Sorijiet Klarissi, mal-Kongregazzjonijiet Franġiskani femminili u ma’ Istituti Sekulari Franġiskani (KK.ĠĠ. 98).

2. L-Eżekuttiv Nazzjonali jibgħat relazzjoni annwali fuq l-Ordni Franġiskan Sekular lid-Delegat għal-Lajċi tal-Konferenza Episkopali ta’ Malta, u jiżgura li d-dettalji korretti rigward l-OFS jitniżżlu fid-direttorji annwali tad-djoċesijiet ta’ Malta u Għawdex (KK.ĠĠ. 99-100).

***************************
INTERPRETAZZJONI U EMENDI
GĦALL-ISTATUTl NAZZJONALI

Artjklu 34

Dawn l-Istatuti jistgħu jiġu emendati b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri preżenti waqt il-Kapitlu Nazzjonali Elettiv. L-Emendi huma suġġetti għal approvazzjoni mill-CIOFS. L-interpretazzjoni ta’ l-Istatuti hi l-kompetenza tal-CIOFS. Irid isir rikors f’Ruma kull darba li tinqala’ diffikultà fl-interpretazzioni ta’ l-Istatuti.